Mur għall-kontenut ewlieni
Migration and Home Affairs
  • 4 Ġunju 2024

Il-files leġiżlattivi fil-qosor

Il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil

Ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni

Ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni (AMMR) jissostitwixxi r-“Regolament Dublin III” attwali u:

  • Ittejjeb is-sistema għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-applikazzjonijiet għall-ażil billi jagħmilha aktar effiċjenti u stabbli, u jipprevjeni movimenti sekondarji.
  • Jistabbilixxi sistema obbligatorja iżda flessibbli ta’ solidarjetà għall-Istati Membri li jiffaċċjaw pressjoni migratorja.

Ir-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil (inkluż ir-Regolament dwar il-Proċedura tal-Fruntieri ta’ Ritorn)

Ir-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil jistabbilixxi proċedura komuni, ġusta u effiċjenti biex tittieħed deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-ażil, filwaqt li jillimita l-abbuż u jneħħi l-inċentivi għal movimenti sekondarji fl-UE kollha. Flimkien mar-Regolament dwar il-Proċedura ta’ Ritorn fil-Fruntieri hu jistabbilixxi wkoll proċedura obbligatorja fuq il-fruntiera kemm għall-proċess tal-ażil kif ukoll għal dak tar-ritorn fil-fruntiera esterna. Il-parti tar-ritorn tal-proċedura fuq il-fruntiera hija stabbilita f’Regolament separat għal raġunijiet legali biex tirrifletti l-fatt li r-regoli dwar ir-ritorn fil-livell tal-UE jibnu fuq ir-regoli ta’ Schengen.

Regolament dwar Sitwazzjonijiet ta’ Krizi u ta’ <em>Force Majeure</em>

Ir-Regolament dwar Sitwazzjonijiet ta’ Krizi u ta’ Force Majeure jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi, inkluża l-istrumentalizzazzjoni, u ta’ force majeure, u jipprevedi derogi u miżuri ta’ solidarjetà għall-Istati Membri.

Ir-Regolament Eurodac

Ir-riformulazzjoni tar-Regolament Eurodac se tbiddel il-bażi tad-data eżistenti tal-Eurodac minn bażi tad-data dwar l-ażil għal bażi tad-data dwar l-ażil u l-migrazzjoni kompluta. Il-bażi tad-data l-ġdida se tappoġġja s-sistema tal-ażil u tgħin fil-ġestjoni tal-migrazzjoni irregolari, kif ukoll tappoġġja l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar ir-Risistemazzjoni u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja. Il-bażi tad-data se tiġi integrata fil-qafas tal-interoperabbiltà biex tingħaqad bla xkiel ma’ bażijiet tad-data oħra tal-UE.

Ir-Regolament dwar l-Iskrinjar

Ir-Regolament il-ġdid dwar l-Iskrinjar jistabbilixxi regoli uniformi li jiżguraw kontrolli u reġistrazzjoni xierqa tal-migranti irregolari u tal-applikanti għall-ażil li jidħlu fl-UE u rabta bla xkiel mal-proċeduri sussegwenti ta’ ritorn jew ta’ ażil.

Ir-Regolament dwar il-Kwalifika

Ir-Regolament dwar il-Kwalifika jissostitwixxi d-Direttiva dwar il-Kwalifika. Dan jinkorpora l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra fil-liġi tal-UE u għandu l-għan li jiżgura li l-Istati Membri japplikaw kriterji komuni biex jikkwalifikaw persuni bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali. Jiddefinixxi wkoll il-kontenut tad-drittijiet ta’ protezzjoni internazzjonali u l-obbligi tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali.

Id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza

Id-Direttiva riveduta dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza se tipprevedi standards minimi ta’ assistenza għall-applikanti għall-ażil mill-Istati Membri, filwaqt li tiżgura standards tal-għajxien adegwati għal dawk li jaslu fl-UE u li jfittxu protezzjoni internazzjonali.

Il-Qafas ta' Risistemazzjoni tal-Unjoni

Ir-Regolament dwar il-Qafas tal-Unjoni għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja (Qafas tal-Unjoni) isaħħaħ il-perkorsi sikuri u legali lejn l-UE għall-persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni, u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-sħubijiet internazzjonali ma’ pajjiżi mhux tal-UE li jospitaw popolazzjonijiet kbar ta’ refuġjati.