Mur għall-kontenut ewlieni
Migration and Home Affairs
Artiklu tal-aħbarijiet22 Novembru 2022Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni1 min qari

Kif rapport dwar l-abbuż sesswali tat-tfal għen biex jiġu salvati 140 tifel u tifla

How a child sexual abuse report helped rescue 140 children

Rapport reċenti minn fornitur tas-servizzi online wassal għall-arrest ta’ 46 predatur tat-tfal fi New Zealand u l-identifikazzjoni ta’ aktar minn 100 persuna suspettata fl-UE kollha. B’riżultat ta’ dan, aktar minn 140 tifel u tifla madwar id-dinja ġew salvati mill-abbuż sesswali. Dan il-każ juri kif rapport wieħed biss jista’ jagħmel differenza u jsalva mijiet ta’ tfal mill-abbuż sesswali. Rapporti bħal dawn spiss jistgħu jkunu l-unika tieqa f’sitwazzjoni ta’ abbuż li tista’ tkun diffiċli li wieħed jinduna biha anke għall-persuni li huma l-eqreb tat-tfal.

Fl-2019, il-fornitur tas-servizzi online rrapporta għadd kbir ta’ persuni li jużaw il-pjattaforma tagħhom biex jiskambjaw ritratti inkwetanti, inklużi atti sadistiċi ta’ abbuż sesswali tat-trabi u t-tfal. Wara dan ir-rapport, tnediet investigazzjoni internazzjonali, immexxija mid-Dipartiment tal-Affarijiet Interni ta’ New Zealand. L-investigazzjoni kienet appoġġjata mill-Europol, l-Interpol u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi mill-Awstralja, l-Awstrija, il-Kanada, il-Kroazja, iċ-Ċekja, il-Greċja, l-Ungerija, is-Slovenja, Spanja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti.

B’riżultat ta’ dan, ġew skoperti 32 GB ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal. L-investigazzjoni fetħet aktar minn 830 każ madwar id-dinja. Xi wħud mill-każijiet kienu partikolarment inkwetanti – żewġ suspettati mill-Awstrija u l-Ungerija kienu qed jabbużaw minn uliedhom stess, li kellhom rispettivament sitt snin u tmien snin. Iż-żewġt itfal issa jinsabu f'post sikur. Persuna suspettata oħra minn Spanja nstabet li tippossjedi u tikkondividi materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal minbarra li tiffilmja videos sesswali ta’ adulti mingħajr il-kunsens tagħhom. Għadd kbir ta’ investigazzjonijiet għadhom għaddejjin fl-UE kollha.

Regoli ġodda tal-UE kontra l-abbuż sesswali tat-tfal

Sfortunatament, minkejja dan l-eżempju ta’ ispirazzjoni, mhux il-fornituri kollha tas-servizzi online jissottomettu rapporti bħal dawn. F’Mejju 2022, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet liġi li tagħmilha obbligatorja għall-kumpaniji tat-teknoloġija biex jipprevjenu u jidentifikaw l-abbuż sesswali tat-tfal fuq il-pjattaformi tagħhom. Dan jinkludi każijiet ta’ grooming – prattika fejn il-predaturi sesswali jibnu relazzjoni mat-tfal sabiex ikunu jistgħu jimmanipulaw, jisfruttaw u jabbużaw minnhom.

L-għan tal-UE huwa li din il-liġi ssir realtà sa Awwissu 2024. Jekk il-liġi ma tgħaddix sa dak iż-żmien, ir-regolament attwali tal-UE se jiskadi, u dan jagħmilha aktar faċli għall-predaturi biex jabbużaw sesswalment mit-tfal mingħajr konsegwenzi.

Tgħallem aktar dwar kif l-UE qed tippjana li twaqqaf l-abbuż sesswali tat-tfal.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
22 Novembru 2022
Awtur
Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni