Inbiddlu l-mewġa dejjem tikber ta’ abbuż sesswali tat-tfal
L-abbuż sesswali tat-tfal huwa periklu reali u dejjem jikber. Aktar u aktar ta’ spiss, dawk li jabbużaw mit-tfal jużaw l-internet biex jikkomunikaw ma’ xulxin, jaqsmu l-materjali, u jikkomunikaw mat-tfal. Il-predaturi jieħdu ritratti u videos tal-abbuż li jwettqu fil-ħajja reali u jixxerjawhom permezz tal-internet. Jużaw il-web cams, il-mobiles, il-media soċjali jew pjattaformi online oħra biex iġiegħlu jew jirrikattaw lit-tfal f’atti sesswali mhux xierqa u illegali.
Ir-ritratti u l-videos ta’ tfal li qed jiġu abbużati sesswalment huma xxerjati online fuq skala massiva. Fl-2021, 85 miljun ritratt bħal dawn ġew irrappurtati minn kumpaniji tal-Internet.
Hu insopportabbli li naf li hemm ritratti tant orribbli tiegħi li mijiet ta’ persuni qed iħarsu lejhom u qed jagħmlu min jaf xiex.
Superstitu ta’ abbuż sesswali tat-tfal, in-Netherlands
L-abbuż u l-isfruttament m’għandhomx fruntieri. L-immaġnijiet ta’ reati mwettqa f’pajjiż wieħed jiċċirkolaw u jarawhom persuni mad-dinja kollha. Il-vittmi rarament jippreżentaw ruħhom. Ħafna drabi l-abbuż isir minn persuna fiċ-ċirku ta’ fiduċja tat-tfal, spiss fid-dar tat-tfal stess.
Għadda ħafna żmien sakemm sibt terapista li ma qatagħhiex mill-ewwel li jien giddieb. Taqtagħhiex li kollox gideb sempliċement għax ikun wisq ikrah biex jitwemmen.
Superstitu ta’ abbuż sesswali tat-tfal, l-Iżvezja
F’ħafna każijiet, l-abbuż joħroġ fil-beraħ biss meta l-azzjonijiet tal-awturi tar-reati jiġu identifikati online. Il-fornituri tas-servizzi online għandhom rwol essenzjali biex jirrappurtaw l-abbuż sesswali tat-tfal online. Sfortunatament, is-sistema attwali ta’ rappurtar volontarju mhijiex effettiva biżżejjed. Total ta’ 95% tar-rapporti kollha attwalment jiġu minn fornitur tas-servizz wieħed (Meta). Bħala soċjetà, jeħtieġ li jsir obbligatorju għall-kumpaniji kollha tat-teknoloġija fl-Ewropa biex jidentifikaw u jirrapportaw l-abbuż sesswali tat-tfal online lill-awtoritajiet.
Biex tindirizza din il-problema globali, l-UE pproponiet leġiżlazzjoni li se tgħinna nsibu, nirrappurtaw u nipprevjenu każijiet ta’ abbuż sesswali tat-tfal online u biex nappoġġjaw lill-vittmi. Aħna lkoll responsabbli biex inżommu lit-tfal tagħna sikuri mill-predaturi sesswali.
Aktar minn 90 organizzazzjoni tad-drittijiet tat-tfal iffirmaw ittra miftuħa li tappoġġja l-proposta ta’ liġi tal-UE għall-protezzjoni tat-tfal mill-abbuż sesswali. L-ittra sejħet il-liġi “f’waqtha u storika, mhux biss għall-Ewropa iżda wkoll għad-dinja.” Il-liġi hi appoġġjata minn organizzazzjonijeti Ewropej u internazzjonal li jaħdmu bis-sħiħ għas-sikurezza u s-sigurtà tat-tfal. Dawn jinkludu Missing Children Europe, Eurochild, il-Fond Ġermaniż għat-Tfal, ECPAT International, Thorn, u ħafna aktar.
Regoli ġodda tal-UE kontra l-abbuż sesswali tat-tfal
Il-Kummissjoni qed tipproponi leġiżlazzjoni ġdida tal-UE li għandha l-għan li tgħin lill-pajjiżi tal-UE biex:
- jidentifikaw u jirrappurtaw l-abbuż sesswali tat-tfal online
- jipprevjenu l-abbuż sesswali tat-tfal
- jappoġġjaw lill-vittmi
Din il-leġiżlazzjoni tagħmilha obbligatorja għall-fornituri tas-servizzi li jirrappurtaw l-abbuż sesswali online fuq il-pjattaformi tagħhom u li jwissu lill-awtoritajiet, biex il-predaturi jkunu jistgħu jitressqu quddiem il-ġustizzja. Il-fornituri se jkunu meħtieġa wkoll jirrappurtaw każijiet ta’ grooming – prattika fejn il-predaturi sesswali jibnu relazzjoni, fiduċja u rabta emozzjonali mat-tfal sabiex ikunu jistgħu jimmanipulawhom, jisfruttawhom u jabbużaw minnhom.
Tgħallem aktar dwar il-leġiżlazzjoni proposta fit-taqsima Mistoqsijiet frekwenti
X’jiġri jekk din il-leġiżlazzjoni ma tiġix approvata?
Fit-3 ta’ Awwissu 2024, se tiskadi l-liġi tal-UE li tippermetti lill-fornituri tas-servizzi jkomplu jidentifikaw u jirrappurtaw b’mod volontarju l-abbuż sesswali tat-tfal online u t-tneħħija ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal. Jekk dan iseħħ, il-kumpaniji tat-teknoloġija mhux se jibqgħu jkunu jistgħu jidentifikaw, jirrappurtaw u jneħħu kontenut illegali fis-servizzi tal-komunikazzjoni, li llum huma l-aktar mod rilevanti biex jixxerred materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal u biex isir il-grooming tat-tfal: 80% tar-rapporti s-sena l-oħra ġew minn komunikazzjonijiet elettroniċi.
Dan se jagħmilha aktar faċli għall-predaturi biex jabbużaw sesswalment mit-tfal u ma jinqabdux.
Jekk il-liġi l-ġdida tkun fis-seħħ, il-kumpaniji tat-teknoloġija se jkollhom l-obbligu li jipproteġu lit-tfal. Ejjew niżguraw li dan iseħħ qabel it-3 ta’ Awwissu 2024.
Esplora s-suġġetti ta’ hawn taħt biex titgħallem aktar dwar l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni
Il-leġiżlazzjoni proposta tal-UE għandha l-għan li tiddefinixxi r-responsabbiltajiet tal-fornituri f’dak li għandu x’jaqsam mas-sejbien u r-rappurtar ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal u ta’ grooming fl-ispazji diġitali li joperaw fihom.
Il-prevenzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal hija essenzjali biex it-tfal jinżammu sikuri. Il-gvernijiet u l-kumpaniji fl-UE kollha u lil hinn minnha jeħtieġ li jikkooperaw b’mod effiċjenti biex itejbu l-prevenzjoni.
L-għan tagħna huwa li nipproteġu, nappoġġjaw u nagħtu s-setgħa lill-vittmi.
Ċentru tal-UE għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal
Biex tipproteġi lit-tfal fl-Ewropa u fid-dinja, il-Kummissjoni tipproponi li jitwaqqaf ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal u għall-appoġġ lill-vittmi. Iċ-ċentru:
- se jikkoordina azzjonijiet għall-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal: mill-identifikazzjoni u r-rappurtar, sal-prevenzjoni u l-assistenza lill-vittmi
- se jipprovdi lill-pajjiżi tal-UE b’għarfien espert dwar il-prevenzjoni u l-appoġġ lill-vittmi
- se jappoġġja l-infurzar tal-liġi biex jaġixxi fuq rapporti u jsalva lit-tfal
- se jipprovdi lill-kumpaniji biex isibu u jirrappurtaw l-abbuż sesswali tat-tfal online
- se jaħdem mill-qrib ma’ sħab barra mill-UE, inklużi ċentri simili fl-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja
Iċ-ċentru se jaħdem ma’ kumpaniji, istituti ta’ riċerka, u l-infurzar tal-liġi biex jgħinhom jiskambjaw informazzjoni u l-aħjar prattiki, jipprovdi sorveljanza, trasparenza u responsabbiltà.
Il-Kummissjoni ħejjiet analiżi dettaljata dwar kif se ssir il-koordinazzjoni bejn iċ-Ċentru, l-Europol u l-Awtoritajiet ta’ Koordinazzjoni.
Dokumenti relatati
- Proposta għal Regolament li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal u għall-ġlieda kontra dan
- Analiżi tal-leġiżlazzjoni relatata
- Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju: Opinjoni pożittiva
- Is-servizzi tal-Kummissjoni jwieġbu għall-kummenti mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju, u jispjegaw aktar il-proposta
- Mistoqsijiet ta’ segwitu lill-Kummissjoni wara l-preżentazzjoni tal-proposta
- Kummenti tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-perjodu ta’ żmien bejn l-iskadenza tar-Regolament Interim u l-adozzjoni tar-Regolament propost li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal
- Kummenti tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar xi elementi tal-Opinjoni Konġunta tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS-EDPB)
- Kummenti tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar xi elementi tal-Abbozz ta’ Valutazzjoni tal-Impatt Komplementari Finali dwar il-Proposta
- L-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà
- Strateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal
- Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Novembru 2019 dwar id-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-tfal, 2019/2876(RSP).
- Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal
Links relatati
- Konsultazzjoni pubblika: Niġġieldu kontra l-abbuż sesswali tat-tfal: id-detezzjoni, it-tneħħija u r-rappurtar ta’ kontenut illegali online
- Pariri globali tal-COVID-19 dwar is-sikurezza online għall-ġenituri u dawk li jindukraw
- Riżorsi għas-superstiti tal-abbuż sesswali tat-tfal u l-familji tagħhom
- Riżorsi għal dawk b’interess sesswali fit-tfal li qed ifittxu għajnuna biex jindirizzaw imġiba problematika