Mur għall-kontenut ewlieni
Migration and Home Affairs

Is-SIS fiha biss allerti dwar persuni jew oġġetti li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji ta’ allerti li ġejjin:

  • Deċiżjonijiet ta' ritorn: allerti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa mill-pajjiżi ta’ Schengen.
  • Rifjut ta' dħul jew soġġorn: allerti li jkopru ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex intitolati jidħlu jew joqogħdu fiż-Żona Schengen.
  • Persuni mfittxija għall-arrest: allerti għal persuni li għalihom inħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew jew Talba għal Estradizzjoni (l-Iżvizzera u l-Liechtenstein).
  • Persuni neqsin: allerti biex jinstabu persuni neqsin, inklużi tfal, u biex jitqiegħdu taħt protezzjoni jekk dan ikun legali u meħtieġ.
  • Tfal f'riskju li jinħatfu mill-ġenituri, mill-qraba jew mill-kustodji tagħhom stess: allerti biex jiġi evitat li tali tfal jiġu maħtufa jew jgħibu
  • Persuni vulnerabbli li l-ivvjaġġar tagħhom irid jiġi evitat: allerti biex persuni vulnerabbli (adulti jew tfal) jiġu protetti milli jittieħdu b’mod illegali barra mill-pajjiż jew biex ma jitħallewx jivvjaġġaw mingħajr l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa.
  • Persuni biex jassistu fi proċedura ġudizzjarja: allerti biex jinstab il-post ta’ residenza jew domiċilju ta’ persuni mfittxija biex jassistu fi proċeduri ġudizzjarji kriminali (pereżempju xhieda).
  • Persuni u oġġetti għal verifiki, investigazzjonijiet diskreti jew speċifiċi: allerti biex tinkiseb informazzjoni dwar persuni jew oġġetti relatati għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali u għall-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika jew nazzjonali.
  • Persuni mfittxija mhux magħrufa: allerti li jkun fihom biss it-traċċi tas-swaba’ u t-traċċi tal-pala tal-id li jappartjenu għal awtur ta’ reat skopert fuq il-post ta’ reati terroristiċi jew reati serji oħra li jkunu qed jiġu investigati. Dawn jinħarġu għall-finijiet li jiġi identifikat l-awtur skont il-liġi nazzjonali.
  • Oġġetti għal qbid jew użu bħala evidenza fi proċeduri kriminali: allerti dwar oġġetti (pereżempju vetturi, dokumenti tal-ivvjaġġar, pjanċi tal-vetturi u tagħmir industrijali) li qed jiġu mfittxija għal qbid jew użu bħala evidenza fi proċedimenti kriminali. Allerti dwar dokumenti tal-ivvjaġġar jistgħu jinħarġu wkoll speċifikament għall-prevenzjoni tal-ivvjaġġar mill-persuna li żżommhom.

Tipi ta’ data mdaħħla fis-SIS

Is-SIS fiha t-tipi ta’ data li ġejjin:

Fir-rigward tan-nies:

  • Data ta’ identifikazzjoni: Data meħtieġa biex tiġi identifikata l-persuna mfittxija u informazzjoni oħra rilevanti għall-utent aħħari li jwettaq tfittxija.
  • Raġuni għall-allert: “Raġuni għall-allert”, li tiddeskrivi, b’mod strutturat, għaliex il-persuna hija mfittxija.
  • Azzjoni meħtieġa: “Azzjoni li għandha tittieħed”, li tiddeskrivi, b’mod strutturat, x’għandu jagħmel l-uffiċjal meta tinstab il-persuna.
  • Informazzjoni dwar il-proċedimenti kriminali: Il-kopja tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew (MAE) ta’ persuna mfittxija għall-arrest u data dwar vittmi tal-identità użata ħażin (fejn applikabbli).
  • Ritratti: Ritratti tal-persuna li tkun is-suġġett tal-allert.
  • Marki tas-swaba’ u marki tal-pala tal-id: Data dattiloskopika (marki tas-swaba’ u/jew marki tal-pala tal-id) għall-persuna li tkun is-suġġett tal-allert.
  • Informazzjoni dwar oġġetti relatati ma’ persuni: Data dwar oġġetti mdaħħla fis-SIS sabiex tiġi lokalizzata persuna li tkun is-suġġett ta’ allert, pereżempju l-vettura użata mill-persuna mfittxija – din id-data tista’ tiżdied biss ma’ allerti dwar persuni skont l-Artikolu 26, 32 u 34 tar-Regolament SIS - Kooperazzjoni tal-Pulizija.
  • Dokumenti ta' identifikazzjoni: Data li tiddeskrivi d-dokument ta’ identifikazzjoni tal-persuna li hija s-suġġett tal-allert – tista’ tinhemeż kopja tad-dokument.
  • Traċċi tas-swaba’ u traċċi tal-pala tal-id: Data dattiloskopika (traċċi tas-swaba’ u/jew traċċi tal-pala tal-id) skoperta fuq il-post tad-delitt.
  • Profil tal-DNA: Il-profil tad-DNA tal-persuna li hija s-suġġett tal-allert jew tal-membri tal-familja (fil-każ biss ta’ persuni neqsin li jeħtieġ li jitqiegħdu taħt protezzjoni).

Fir-rigward ta’ oġġetti:

  • Data ta’ identifikazzjoni: Data meħtieġa biex jiġi identifikat l-oġġett imfittex u informazzjoni oħra rilevanti għall-utent aħħari li jwettaq tfittxija.
  • Raġuni għall-allert: “Raġuni għall-allert”, li tiddeskrivi, b’mod strutturat, għaliex l-oġġett huwa mfittex. 
  • Azzjoni meħtieġa: “Azzjoni li għandha tittieħed”, li tiddeskrivi, b’mod strutturat, x’għandu jagħmel l-uffiċjal meta jinstab l-oġġett.
  • Stampi: Stampi/ritratti tal-oġġett.

Il-pajjiż li jdaħħal l-allert u d-data relatata fis-SIS huwa s-“sid tad-data”. Dan ifisser li dak il-pajjiż biss huwa permess jew jista’ jaġġorna u jħassar l-allert.

Il-kwalità, il-preċiżjoni u l-kompletezza tal-elementi tad-data li jippermettu l-identifikazzjoni huma essenzjali għas-suċċess tas-SIS. Għal allerti dwar persuni, is-sett minimu ta’ data huwa:

  • isem
  • sena tat-twelid
  • referenza għad-deċiżjoni li wasslet għall-allert
  • azzjoni li għandha tittieħed

Meta jkunu disponibbli, għandhom jiżdiedu ritratti u marki tas-swaba’ sabiex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni u tiġi evitata l-identifikazzjoni żbaljata. Is-sistema toffri wkoll il-possibbiltà li jiżdiedu rabtiet bejn allerti (pereżempju, bejn allert dwar persuna u vettura).

Bijometrija

Sa mill-2013, is-SIS kienet kapaċi taħżen il-marki tas-swaba’ li jistgħu jintużaw biex tiġi kkonfermata l-identità ta’ persuna li tinsab b’mezzi oħra. Madankollu, l-introduzzjoni ta’ AFIS (Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba') f’Marzu 2018 tippermetti wkoll li l-persuni jiġu identifikati bl-użu tal-marki tas-swaba’ tagħhom biss. Bis-saħħa ta’ din is-sistema, il-kriminali u persuni oħra ta’ interess se jsibuha saħansitra aktar diffiċli biex jidħlu u jiċċaqalqu fl-UE bl-użu ta’ dokumenti ffalsifikati jew kontrafatti, jew dokumenti li jappartjenu għal persuni oħra.

Minn Marzu 2023, is-SIS taħżen ukoll il-marki tal-pala tal-id, it-traċċi tas-swaba’ u t-traċċi tal-pala tal-id. Dawn jintużaw għal tfittxijiet bijometriċi u għall-konferma tal-identitajiet. Minn Marzu 2023, is-SIS se taħżen il-profili tad-DNA ta’ persuni rrappurtati nieqsa jew tal-ġenituri, in-nanniet jew l-aħwa tagħhom għall-fini li tiġi kkonfermata l-identità.