SIRENE tfisser talba għal informazzjoni supplimentari fid-dħul nazzjonali.
Kull pajjiż li juża s-SIS stabbilixxa l-Uffiċċju SIRENE nazzjonali, operattiv 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa, li huwa responsabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni u għall-koordinazzjoni ta’ attivitajiet konnessi mal-allerti tas-SIS. L-Europol waqqfet ukoll Uffiċċju SIRENE.
Il-kooperazzjoni effiċjenti tas-SIRENE hija kruċjali biex is-SIS tiffunzjona b’mod effiċjenti. Il-kooperazzjoni fost il-pajjiżi, u bejn il-pajjiżi u l-Europol tista’ tkun “one-to-one” jew “one-to-many”, u jeħtieġ li tkun marbuta ma’ allert speċifiku tas-SIS. Sabiex jiġi żgurat segwitu fil-pront, kunfidenzjali u effiċjenti tal-każijiet, il-komunikazzjoni ssir permezz ta’ formoli standardizzati permezz ta’ network sigur.
Il-kompiti tal-Uffiċċji SIRENE nazzjonali jinkludu:
- l-għoti ta’ informazzjoni supplimentari dwar l-allerti
- il-validazzjoni ta’ allerti dwar persuni mfittxija għall-arrest
- il-kuntatt mal-pajjiż li jkun ħareġ l-allert meta tkun saret konkordanza u tkun ittieħdet l-azzjoni meħtieġa
- il-kuntatt mal-pajjiż li jkun ħareġ l-allert meta l-azzjoni meħtieġa ma tkunx tista’ tittieħed
- is-superviżjoni tal-kwalità tad-data u l-kompatibbiltà tal-allerti
- il-koordinazzjoni ta’ attivitajiet transfruntieri relatati ma’ allerti tas-SIS
- it-trattament ta’ talbiet għal aċċess għal data personali
Il-lista tal-Uffiċċji SIRENE nazzjonali hija ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.