Il-leġiżlazzjoni proposta tal-UE għandha l-għan li tiddefinixxi r-responsabbiltajiet tal-fornituri f’dak li għandu x’jaqsam mas-sejbien u r-rappurtar ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal u ta’ grooming fl-ispazji diġitali li joperaw fihom.
Il-biċċa l-kbira tat-twissijiet ma jiġux minn ġirien imħassbin. L-awturi tal-abbuż iwettqu r-reati tagħhom bil-bibien magħluqa, iżda jippowstjaw l-evidenza online. Ħafna mill-investigazzjonijiet huma bbażati fuq rapporti tal-kumpaniji. Madankollu, ftit kumpaniji jfittxu b’mod attiv materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal. Ir-rappurtar obbligatorju se jagħti lill-infurzar tal-liġi l-evidenza li jeħtieġu. Il-leġiżlazzjoni tipproponi t-twaqqif ta’ ċentru tal-UE għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal li se jirċievi rapporti mill-kumpaniji. Iċ-ċentru janalizza fejn qed iseħħ l-abbuż u jwissi lill-awtoritajiet fil-pajjiż rilevanti tal-UE. Huwa se jiżgura wkoll ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u jiddefendi t-trasparenza u r-responsabbiltà tal-isforzi biex jiġi identifikat l-abbuż sesswali tat-tfal.
Biex jissodisfaw id-dmir tagħhom li jipproteġu lit-tfal, il-fornituri tas-servizzi diġitali se jkunu jistgħu jużaw teknoloġija avvanzata eżistenti aċċessibbli li se tippermettilhom jilħqu l-istandards meħtieġa tal-UE għall-protezzjoni u s-salvagwardji tal-privatezza.
Iċ-ċentru tal-UE se jżomm bażi tad-data ta’ sinjali li jippermettu l-identifikazzjoni tal-abbuż (hashes u indikaturi tal-IA) biex jiġi żgurat li l-kontenut kollu tal-abbuż sesswali tat-tfal jiġi identifikat b’mod korrett. Dawn l-indikaturi se jiġu vverifikati mill-infurzar tal-liġi tal-pajjiżi tal-UE biex jiġi żgurat li jsegwu d-definizzjoni tal-UE ta’ abbuż sesswali tat-tfal. Id-disponibbiltà tal-indikaturi għall-fornituri tas-servizzi diġitali rilevanti se tkun pass ’il quddiem għat-titjib tal-effettività u t-trasparenza tal-proċess ta’ identifikazzjoni.
Tgħallem aktar dwar iċ-ċentru tal-UE għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal.