Mur għall-kontenut ewlieni
Migration and Home Affairs
Artiklu tal-aħbarijiet26 Ottubru 2022Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni3 min qari

Kif il-liġi l-ġdida tal-UE li tindirizza l-abbuż sesswali tat-tfal se tagħmel differenza

How the new EU law to tackle child sexual abuse will make a difference

L-Unjoni Ewropea (UE) qed taħdem fuq miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal. Fit-3 ta’ Awwissu 2024, se tiskadi l-liġi tal-UE li tippermetti lill-fornituri tas-servizzi jkomplu jidentifikaw, jirrappurtaw u jneħħu b’mod volontarju l-abbuż sesswali tat-tfal online.

Bħalissa, is-servizzi mhux dejjem jitfasslu bil-ħsieb tas-sikurezza tat-tfal, u ħafna kumpaniji tat-teknoloġija ma jiċċekkjawx għal materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal u ma jirrapportawhx meta jsibuh. Dan għaliex id-deċiżjoni titħalla f’idejn kull kumpanija individwali. Biex jiġi indirizzat b’mod effettiv l-użu ħażin tas-servizzi online għall-finijiet tal-abbuż sesswali tat-tfal, huma meħtieġa regoli ċari. Issa, l-UE biħsiebha tagħmel il-prevenzjoni, id-detezzjoni, ir-rappurtar u t-tneħħija obbligatorji. Dan se jgħin lill-pulizija ssib aktar evidenza ta’ abbuż sesswali tat-tfal u tiżgura li dan jitneħħa malajr.

Min jeħtieġ li jwettaq il-kontrolli?

Fil-qosor, kwalunkwe fornitur online se jwettaq kontrolli biex jara jekk ir-riskju ta’ abbuż sesswali tat-tfal fuq is-sistemi tiegħu huwiex għoli biżżejjed. Bil-liġi proposta, dan il-proċess se jsegwi passi legali stretti.

Jekk jiġi identifikat riskju għoli, il-kumpaniji tat-teknoloġija l-ewwel inaqqsu r-riskju ta’ ħsara permezz tal-mitigazzjoni. Biex jagħmlu dan, iridu jissottomettu valutazzjoni tar-riskju għall-awtorità koordinatriċi (eż. il-gvern nazzjonali) biex tivverifika jekk ir-riskju ta’ abbuż tat-tfal huwiex sinifikanti fis-servizzi tagħhom. Jekk ir-riskju jkun għoli biżżejjed, l-awtorità koordinatriċi tabbozza talba għal ordni ta’ detezzjoni, li tirrikjedi li l-kumpanija tħejji pjan biex tintroduċi miżuri li jidentifikaw l-abbuż sesswali tat-tfal filwaqt li jirrispettaw kemm jista’ jkun il-privatezza tal-utenti.

Imbagħad, il-kumpanija tat-teknoloġija toħloq pjan biex timplimenta l-ordni, li jirrikjedi lill-kumpanija twettaq valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data. Dan irid jiġi rieżaminat kemm mill-Awtorità nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Data kif ukoll minn awtorità kompetenti. Fl-aħħar nett, awtorità ġudizzjarja tiddeċiedi dwar l-ordni ta’ detezzjoni. Id-deċiżjoni trid tqis il-ħtieġa tal-ordni (il-livell ta’ riskju ta’ abbuż sesswali tat-tfal fuq pjattaforma partikolari), u l-effettività tas-salvagwardji biex tiġi limitata l-invażività tal-miżuri.

Kif jiġi identifikat l-abbuż sesswali tat-tfal?

Il-kumpaniji tat-teknoloġija jwettqu d-detezzjoni huma stess bl-użu ta’ teknoloġija speċjalizzata, li l-aċċess għaliha jista’ jiġi ffaċilitat miċ-Ċentru tal-UE. Iċ-Ċentru se jkollu wkoll rwol fil-valutazzjoni ta’ kwalunkwe teknoloġija futura u fl-iżgurar li l-użu tagħha jkun sikur. It-teknoloġija taħdem bl-istess mod li kelb xammiem jidentifika d-drogi jew l-isplussivi billi jirrikonoxxi riħa partikolari. F’dan il-każ, it-teknoloġija tirrikonoxxi “hashes” u “indikaturi tal-IA” partikolari biex jiġu identifikati każijiet ta’ abbuż sesswali tat-tfal.

Kif jiġi rrappurtat?

Bħalissa, iċ-Ċentru Nazzjonali għat-Tfal Neqsin u Sfruttati tal-Istati Uniti (organizzazzjoni privata u mingħajr skop ta’ qligħ) jirċievi u jiċċekkja r-rapporti. Permezz tal-liġi l-ġdida, se jkun hemm Ċentru tal-UE ġdid biex jagħmel dan. Meta kumpaniji tat-teknoloġija jsibu materjal abbużiv, se jkollhom jirrapportawh liċ-Ċentru tal-UE. Iċ-Ċentru tal-UE se jivverifika dawn ir-rapporti u jiffiltra kwalunkwe materjal li mhuwiex illegali, sabiex il-pulizija tirċievi r-rapporti kkonfermati biss.

Min jiddefinixxi x’għandu jitneħħa, u kemm isir malajr?

Bħalissa, it-tneħħija tal-kontenut tista’ tkun proċess twil u ħafna drabi tiddependi fuq ir-rieda tal-kumpaniji tat-teknoloġija individwali. Fil-futur, jekk tali kontenut ma jitneħħiex b’mod volontarju, awtorità ġudizzjarja toħroġ ordni ta’ tneħħija għall-kumpanija tat-teknoloġija biex tneħħi l-materjal illegali fi żmien 24 siegħa.

X’nista’ nagħmel?

Il-liġi hija pass kruċjali lejn il-protezzjoni ulterjuri tat-tfal mill-perikli tal-abbuż sesswali tat-tfal. Se tgħin biex tipproteġi lit-tfal, tappoġġja lill-vittmi, u ssalva l-ħajjiet. Ir-rekwiżit obbligatorju għall-kumpaniji tat-teknoloġija biex jidentifikaw, jirrapportaw u jneħħu l-kontenut b’mod attiv diġà ntlaqa’ tajjeb minn firxa ta’ organizzazzjonijiet tad-drittijiet tat-tfal. Appoġġjahom – xerred il-kelma dwar kif il-leġiżlazzjoni l-ġdida se tagħmel differenza

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
26 Ottubru 2022
Awtur
Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni